Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar aktar miżuri bl-għan li ma jsirx vjaġġar li mhuwiex essenzjali bejn il-gżejjer Maltin. Huwa qal li dan qed isir bl-għan li niskoraġġixxu lin-nies milli jivvjaġġaw bejn il-gżejjer Maltin għal skopijiet ta’ vaganza.
Filwaqt li rringrazzja lill-poplu li fil-maġġor parti assoluta qiegħed jobdi d-direttivi mill-awtoritajiet, il-Ministru Camilleri reġa’ għamilha ċara li bħalissa mhuwiex żmien ta’ weekend breaks f’Għawdex jew f’Malta, u lanqas huwa żmien ta’ xi mawra jew ġita ta’ gruppi lejn Malta jew lejn Għawdex. Qal li minkejja li dan kien enfasizzat mill-bidu nett, kien hemm xi wħud li ma kinux qed jimxu ma’ dak rakkomandat.
Il-Ministru għal Għawdex qal li għalhekk minn nhar il-Ġimgħa filgħodu, dak li s’issa kien qiegħed jiġi rakkomandat, issa se jsir mandatorju. Għaldaqstant, bħala parti mill-iscreening, ser jidħol fis-seħħ ukoll screening għall-iskop li individwu jew individwi ser jkunu qegħdin jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer. Dan l-iscreening ser jippermetti biss vjaġġar għal dawn ir-raġunijiet li ġejjin:
- Xogħol
- Raġunijiet mediċi
- Visti minn familjari lil pazjenti rikoverati l-isptar
- Żjara lill-qraba
- Ġarr ta’ merkanzija
- Ritorn fir-residenza ordinarja
Hu spjega kif wara diskussjonijiet fit-tul mal-awtoritajiet kompetenti b’mod proattiv, il-Ministeru għal Għawdex qed iħabbar numru ta’ miżuri oħrajn li se jaffettwaw it-traġitti bejn iż-żewġ gżejjer, apparti dawk li diġà hemm fis-seħħ. Stqarr li dawn huma miżuri bla preċedent, però huma miżuri għall-ġid ta’ kulħadd.
Preżentament, kull passiġġier, qabel jitħalla jirkeb il-vapur tal-Gozo Channel, kemm mit-terminal tal-Imġarr ġewwa Għawdex, kif ukoll mit-terminal taċ-Ċirkewwa f’Malta, qed isirlu screening għal sintomi relati mal-virus tal-Covid-19.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri rringrazzja lill-pubbliku tal-kooperazzjoni kif ukoll b’mod speċjali lill-membri kollha tal-istaff mediku, pulizija, suldati u membri tal-Protezzjoni Ċivili. Huwa tenna l-appell biex inkunu dixxiplinati f’dawn il-ġimgħat kruċjali, sabiex aħna lkoll flimkien negħlbu din l-isfida unika.